Strada Stretta hija dejqa daqs kemm jindika isimha stess. Hija tabilħaqq idjaq minn kwalunkwe triq oħra fil-Belt Valletta, u f’ċertu partijiet tagħha, li kieku kellek timtedd mal-art, tkun tista’ tmiss il-ħitan taż-żewġ naħat tat-triq b’subajk u bil-ponot ta’ saqajk.
Mhuwiex magħruf għalfejn Strada Stretta nbniet b’dan il-mod. Jingħad li wieħed mill-Granmastri tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann iddeċieda li jillimita l-prostituzzjoni għal Strada Stretta: jekk il-Kavallieri, li suppost ħadu l-vot taċ-ċelibat, ma setgħux jitwaqqfu milli jmorru man-nisa, għall-inqas setgħu jagħmlu dan mingħajr ħadd ma jarahom.
Strada Stretta kienet magħrufa bħala ‘the Gut’ mis-suldati tal-forzi armati Ingliżi, u aktar tard, tan-NATO, li kienu jfittxu żvog fil-barijiet ta’ dik it-triq, u forsi jfittxu wkoll li jgawdu l-kumpanija tal-barmaids li |
|
kienu jaħdmu fihom.
Id-dwal seduċenti tal-Egyptian Queen, tan-New Life, tal-Morning Star, tal-Union Jack, tat-Tico Tico, tal-Cotton Club, tal-Larry’s Bar, tal-Ye-Old Vic (li ngħata ħajja dejjiema f'V ta' Pynchon), tal-Blue Peter, u tas-Smiling Prince – biex insemmu biss uħud mill-ħafna barijiet u klabbs li kienu jinsabu f’dik it-triq – raw jinbtu l-karrieri ta’ ħafna mill-mużiċisti u artisti tal-ispettakli Maltin.
F’Daqqet ix-Xita l-istess triq issir foss bla qiegħ. Mimlija bl-ekijiet tal-imgħoddi u ħjiel tal-ġejjieni, it-triq li suppost ittul fid-dritt twassal lill-Ġuvni fl-istess post minn fejn telaq. L-irdumijiet ta’ twieqi, trab, bibien, u tabelli mudlama jagħfsu fuq il-Ġuvni u jobżquh ’il barra, biex lejn dak id-dlam fl-aħħar jerġgħu jiġbduh. |